Tanja Cilia

Freelance Writer

Bżieżaq tas-sapun… Trab fir-riħ

http://www.inewsmalta.com/dart/20160528-ie-aq-tas-sapun-trab-fir-ri

 

07:47  |  28.05.2016

“Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna… […]

qalbhom bdiet tferfer bil-biża’.

[…] u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.

Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, […]

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

Huma ferħu għax ibbnazza; u hu wassalhom sal-port li xtaqu.”  [Salm 107]

 

“Ħadd ma ħaqqu jmut fil-baħar.” Din hi l-premessa li jimxi fuqha l-MOAS.

Chris u Regina Catrambone nedew missjoni ta’ salvataġġ tista’ tgħid b’kumbinazzjoni. Darba minnhom Chris u Regina, u bint Regina, Maria Luisa, kienu fuq cruise, u raw ġakketta tas-salvataġġ fil-baħar. Il-jott kien qed isuqu Marco Cauchi, li llum hi s-Search and Rescue Mission Co-Ordinator tal-Phoenix.

“Dik x’aktarx li hi ta’ xi wieħed mir-refuġjati…” qalilhom, u spjegalhom is-sitwazzjoni. Laqtithom, u kif, l-ironija li huma kienu jagħmlu kruċiera kull sena biex jistrieħu u jinqatgħu mill-ħajja ta’ kuljum, filwaqt li dawn in-nies jagħmlu vjaġġ wieħed,li jista’ jiswielhom ħajjithom.

Minn hemm nibtet l-idea tal-Migrant Offshore Aid Station (MOAS), biex issalva lil ftit minn dawk li jkunu qed jaħarbu mill-għaks; nies iddisprati li jfittxu mhux tant ħajja diċenti, iżda almenu ħajja.  Ħadd qatt ma jista’ jkun jaf kemm imutu nies huma u jaqsmu l-Mediterran, jew l-Eġew, jew l-Andaman, jew ibħra u oċeani oħra.

Stampi li naraw ta’ nies misruqa mill-Afrika u ppakkjati, biex jinbiegħu fl-Amerika bħala skjavi, saru parti mill-istorja. Naraw xi film bħal Titanic, u jiddispaċina għal dawk li kienu msakkrin “isfel” u ma tħallewx joħorġu, biex forsi jssalvaw. Dawn ix-xenarji qed jerġgħu jiġru, bid-differenza li dawn in-nies jagħżlu huma li jaħarbu, u jħallsu flejjes kbar lill-kuntrabandisti għall-privileġġ li jirkbu fuq vaxxell li kieku kellu jkun f’tarzna, mhux żgur iħalluh isalpa.

In-numri ma saru jfissru xejn għajr statistika.  Mietu 50. Salvaw 300. 20 f’qagħda kritika. Żewġ nisa welldu abbord. Mal-mejtin li nġabru mill-baħar kien hemm ħamest itfal. U allura? B’daqshekk?

Malta, li hi tabilħaqq l-għatba tal-Ewropa, issib ruħha bħall-Erbgħa fost il-Ġimgħa f’nofs din il-kriżi umanitarja.

“Aħna l-Maltin jeħtieġ li nkunu protagonisti fil-kultura ta’ kompassjoni u solidarjetà.” Hekk qalilna l-Eċċellenza tiegħu l-Arċisqof Charles J Scicluna, meta ltaqa’ mal-midja nhar is-Sibt, 21 ta’ Mejju, abbord il-Phoenix, fil-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet. Dan sar b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni MOAS, li qed taħdem bis-sħih biex jinħoloq “kuritur ta’ ħniena” għal min jinħtieġu.

Monsinjur Arċisqof qalilna li f’din is-Sena tal-Ħniena, aħna kona magħqudin fuq il-vapur tal-ħniena; l-istess ħniena li wera, anzi kkomunika, il-Qdusija tiegħu l-Papa Franġiksku I meta żar Lesbos. Fakkarna li m’hemm ebda ħniena jekk ma hemmx il-komunikazzjoni, għaliex meta nwittu t-triq għal ħadddieħor, meta nħennu għal xi ħadd, inkunu qed nuru u nwettqu l-kompassjoni u s-solidarjetà. Sostna li aħna l-Maltin għandna tradizzjoni ta’ kompassjoni u ta’ aċċettazzjoni tal-barrani, u li hu jappoġġa bis-sħiħ il-missjoni tal-MOAS. Jinħtieġ, qal, li Malta ssir parti minn strateġija tal-ħniena.

Xi biżgħat ma jonqsux – wara kollox, aħna mhux dejjem ġid rajna mill-barrani. Iżda kif nistgħu ma nurux empatija ma’ nies li biex ifittxu s-sigurtà jaqsmu l-ibħra b’ta’ fuqhom senduqhom?

Fi żmien ta’ terroriżmu u insigurtà, jinħtieġ li niftħu qlubna u negħlbu l-biżgħat tagħna. Il-ħniena u l-miżerikordja u l-empatija u l-imħabba m’għandhomx ġens, nazzjonalità, kulur, jew reliġjon. Dawn iqarrbuna lejn status bla fruntieri; futur fejn la fl-art u anqas fil-baħar ma jkun hemm ħitan, la tal-ġebel u wisq anqas mistħajla.

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on May 28, 2016 by in Uncategorized.

Navigation

The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: