Tanja Cilia

Freelance Writer

Inti wiċċek sfiq?

Chickens

09:12  |  29.12.2013

Dan l-aħħar, fuq sit soċjali, b’nofs ċajta, xi ħadd ivvinta l-kelma stessu. Qal li din ser tkun il-kelma Maltija għal selfie.

Jien dort għalih, u għedtlu li la m’għandniex ġens newtrali, il-kelma kellha tkun stessa, għax selfies huwa “xbiha”. Kien hemm min qabel miegħi, u kien hemm min qal li selfies huwa ritratt, u għaldaqstant, nom tal-ġens maskil.

Qisna qbilna li għaldaqstant, raġel jieħu stessu, u mara tieħu stessa.

Kos, kemm tixbaħ il-kelma selfish, hux, il-kelma selfies?

Ara tarawhiex bħali… hawn min jitfa’ għexieren ta’ ritratti fuq is-siti soċjali, biex kulħadd jgħaddi l-kummenti bħal “xi ġmiel” jew “kemm hu ħelu xagħrek hekk”… probabbli iżjed milli hawn nies li jpoġġu ritratti tat-tfal jew għat-tfal tat-tfal biex kulħadd jitpaxxa bihom.

Dan il-fenomenu narċissista tant ħa, li l-Oxford English Dictionary iddikjara li selfie hija l-kelma tas-sena. U kulħadd jaf xi kjass qam meta l-Prim Ministru Daniża, Helle Thorning-Schmidt, ħadet selfie li fiha ddefsu wkoll David Cameron u Barack Obama.

Hawn min jisħaq li huwa importanti li tgħix il-mument preżenti; u m’hemm xejn iżjed preżenti minn selfie, għax jurik kif int filwaqt u l-ħin li tkun ħadtu.

Kien hemm żmien meta wieħed kien iserraħ il-kamera fuq tripod, idawwar it-timer, u jmur jiġri għal ħdejn grupp nies biex jiġi magħhom fir-ritratt. Issa dan iż-żmien għadda u mar, u selfie jittieħed tipikament minn smartphone jew webcam.

Jingħad li l-kelma nnifisha kienet ivvintata fl-2002, meta żagħżugħ Awstraljan li kien xi ftit xurban ħa dak li sa dak iż-żmien kien imsejjaħ awto-ritratt u qal “…u skużawni li dan mhux iffokat, għax dan selfie…”

U ftit wara, nibtu l-Ħelfie (selfie tax-xagħar), il-Belfie (selfie tal-warrani), u l-Welfie (waqt li wieħed ikun qiegħed jagħmel xi eżerċizzju). U hemm ukoll, ħaġa tal-għaġeb, id-Drelfie, li wieħd jieħu meta jkun fis-sakra.

Sit minnhom invażt b’selfies li jittieħdu waqt funeral… f’uħud minnhom saħansitra jidhru l-kadavri fit-twiebet miftuħa.

Imma dawn in-nies jafu jistħu? Jew tant huma wiċċhom sfiq li anqas tgħaddilhom minn moħħom li għandhom jistħu?

Il-kelma selfie nnifisha turi li r-ritratt huwa xi ħaġa egoċentrika. X’jimporta li int mort Ta’ Pinu, jew it-Taj Mahal, jew il-Piramidi, jew is-Sydney Opera House? Mhux basta tieħu selfie? Ħalliha tinżel, lix-xemx u tinseġ elf kulur fuq ix-xefaq. Mhux basta tieħu ritratt tiegħek innifsek? Jekk mhux għal kollox isbaħ, imma għall-anqas, żgur iżjed importanti…

Hawn min jgħidlek biex ma tintremiex, u hawn min jgħidlek biex ma tħallix min jistħek għax tkun umli ż-żejjed. Mela allura, l-ewwel iżżejjen il-paġni tiegħek b’għadd ta’ selfies, u mbagħad tgħid “Isma’, il-ġmiel mhux kollox…” Mela allura, qed tikkonferma li int taħseb li int sabiħ, u wara, tgħidilna li taħseb li għandek doni oħrajn ukoll.

Il-ħajja ta’ vera ta’ xi uħud twaħħdet mal-ħajja diġitali tagħhom. Nafu x’kielu, meta biddlu l-kulur ta’ xagħarhom, fejn marru, u ma’ min iltaqgħu iżjed milli t-telespettaturi ta’ The Truman Show kienu jkunu jafu x’qed jagħmel Jim Carey.

Il-lenti ta’ quddiemhom forsi ma tħallihomx ikunu “huma”, iżda jsiru “huma ta’ quddiem il-kamera”, artifiċjali u mimlija bihom infushom.

Int trid tkun bħal qatta’ oħrajn li qabel joħorġu mid-dar jiġbdu ritratt? Int rid li titfa’ selfie f’xi wieħed minn dawk is-siti fejn jgħidulek “Jaqq kemm int ikraħ, mur aqbeż minn fuq is-sur…”?

Aħna nafu kif il-fotografi tal-midja jsusu wara l-personalitajiet biex jiġbdulhom ir-ritratti meta jkunu mhux f’tagħhom. U dawn, biex juruna li huma xorta sbieħ, u mhux dejjem ikunu liebsin tracksuit kerha, jitfgħu ħafna selfies fuq is-siti tagħhom.

Snapchat, Tumblr, Facebook, Twitter, u siti oħra, lilna jagħtuna l-istess opportunità… għax jekk xi ħadd ma jaħmilniex pinġuti jitfa’ ritratt tagħna qisna x-xuxani, meta nkunu mlaħalħin, biex iwaqqgħuna għaċ-ċajt, aħna dlonk nitfgħu ħamsa, sitta, bil-kosmetiċi perfetti u b’maxta perfetta.

Aħna min aħna? Dawk li jidhru fir-rirtatti “mhux tagħna”; jew dawk tas-selfies, li qatt ma juruna mill-ġenb biex imneħierna ma jidhirx kbir, jew x’imkien fin-nofs?

Jew dawn huma tliet diskrizzjonijiet foloz, għax l-awtentiċità ma titkejjilx?

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on April 24, 2016 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: