Tanja Cilia

Freelance Writer

“Ajma, Xi Dwejjaq Għandi!”

 

Dwejjaq

 Mank tiġini waħda tajba…

 

 

…nifs fi-fond, tnehida jew tnejn, u wiċċ ta’ miżerabbli.

Kieku din kienet xi xena minn dramm, l-iscript kien jgħid “sospiri”, u kien ikun il-cue tagħna biex illissnu “Uuu, jaħassra, miskina, Romilda! X’ġaralek, ħi? Tridx nagħmillek belgħa tè? Mur strieħ, ara, issa nkompli jien…”

Imma dan hu fenomenu tal-ħajja ta’ kuljum. Nies li dejjem imdejqin bħal għandhom klabb għalihom. U bħal kull organizzazzjoni, għandhom ir-regolamenti tagħhom.

  1. Ara iżjed minn bulettin wieħed tal-aħbarijiet. B’hekk żgur tkun taf fuq l-inċidenti jew terrimoti, jew asterojdi li jisplodu meta jaslu fl-atmosfera tad-dinja, u tkun tista’ titkellem dwarhom.
  2. Għaddi sigħat twal fuq is-siti soċjali, speċjalment Facebook. B’hekk, tkun tista’ tgħir għal min xtara karozza ġdida, għal min siefer, għal min imqar iffanga f’tużżana pastizzi. U int, xi dwejjaq, bejn l-istess erba’ ħitan…
  3. Idra patti. Jekk xi ħadd naqsek, ikxiflu l-għawwar tiegħu, imma minn taħt, biex taparsi qed tgħid xi siġriet. Imbagħad għolli leħnek u għid li llum ma baqax rispett u rġulija.
  4. Infetta lil ħaddieħor. Kulħadd jaf li burdata ħażina tittieħed iżjed malajr minn daqquqa. Mela bħal dawk in-nies li jnaddfu d-dar qabel ma tiġi s-seftura, biex ma tgħidx fuqhom, qis li dejjem ikollok xi ħaġa lesta fuqhiex tgemgem.
  5. Intiżen ta’ spiss, u kull xahar mur għand it-tabib għal check-up. Wara kollox, jekk titlef fil-piż, forsi qabditek id-dijabete, u jekk titqal, forsi għandek it-thyroid… jew… ħeqq, tqila.
  6. Kul l-imbarazz. U fis-sajf, min għandu aptit, jew ċans, joqgħod żaqqu mal-cooker biex isajjar? U billi l-irmixk li tiekol joqgħodlok fuq l-istonku? Aħjar, ħa jkollok fuq xiex tilmenta. U bilħaqq, dieta bħal din, għolja fl-omega 6 u baxxa fil omega 3, toħloq tfixkil sostanzjali fil-funzjoni tan-nervituri.
  7. Kun negattiv. Għalfejn titbissem jekk ħarġet ix-xemx? Dik tisturdik u ttik kanċer. Għalfejn titbissem jekk għamlet ix-xita? Issa kulħadd jgħaffiġlek, u l-ħwejjeġ ma jinxfu qatt.
  8. Torqodx biżżejjed. Għax inkella, kif tista’ tlaħħaq ma’ kollox, u ġġib il-ħin li tkun tlift. B’hekk taf tiżviluppa tilja nervi papali, u iżjed issir esperta tad-dwejjaq.

Aħna suppost li nafu li aħna risponsabbli tagħna nfusna – iżda dan ma jfissirx li jekk naraw lil xi ħadd fil-bżonn, ma nindukrawhx u ma ngħinuhx jekk ikun hemm il-bżonn.

Bil-mod il-mod, qisna bil-moħbi, nistgħu bħal naddottaw lil dawn in-nies bla ma jkunu jafu, u mmexxuhom ‘l hinn mid-dwejjaq u mit-tgemgim.

  1. Il-posittiv. Meta tagħmel xi ħaġa li tieħu gost tagħmilha, il-ġisem jirrispondi billi joħloq kimiċi li jżidulek il-ferħ. Imqar taqra ktieb, tara film, tħit, jew taħdem il-ganċ, il-ġisem jirrispondi u tingħeleb it-tentazzjoni li wieħed jaqa’ fl-għażż u li jgerger għax ħajtu vojta.
  2. Il-valuri. Il-possessjonijiet materjali qatt m’huma se jagħmluk ferħan mija fil-mija. L- esperjenza tal-ħajja, iżda, tagħnik jew tfaqqrek. Kun rett ma’ kulhadd.
  3. Il-volontarjat. Nuruhom kemm hi ħaġa sabiħa li dak li jkun jagħti ħinu, u t-talenti, u qalbu għall-oħrajn. Naf li hawn postijiet fejn qisek ma tistax tidħol mal-grupp jekk ma tkunx tal-klikka…imma mhux huma biss hawn.
  4. L-apprezzament. Li tiffoka fuq it-tajjeb, u mhux fuq l-imma, jgħinek tara l-aħjar fil-persuna l-oħra, u fis-sitwazzjoni.
  5. L-awtentiċità. Meta tħarref, ma tkunx komdu… u mhux biss bil-biża’ li xi ħadd se jaqbdek li gdibt. Meta tkun faċċol, xi darba se tinqabad żgur, imqar meta ma tkunx hemm u xi ħadd isemmik. Neħħi d-dwejjaq li jġiblek dan it-toqol.
  6. L-imħabba. Hemm xi xogħol li bilfors irid isir – u hemm minn dan li bilfors irridu nagħmluh aħna. Mela, allura, għax ma tidħolx għalih bir-ras, u bi tbissima u teħles?

U int – x’taħseb?

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on June 8, 2015 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: