Tanja Cilia

Freelance Writer

Issa, Imbagħad, Xi Darba…

Leħen is-Sewwa 01.03.15

==================

F’belt minnhom kien qed isir ħafna serq, u…

“Af li qed jgħidu,” saħqet Nina tal-Botni, “li jafu fejn ikunu moħbija l-affarijiet. Ifittxu wara l-mera tat-twaletta, taħt is-saqqu, fil-kexxun tal-bjankerija, fuq il-gwardarobba, fil-kaxxi taż-żraben…”

“Mela d-deheb tiegħi żgur mhux ħa jsibuh!” qalet Katie tal-Panda. “Jien għandi qisu armarju antik fil-ħajt, kif kellha n-nanna ta’ Ħaż-Żamtani. Quddiemu għandi nkwatru ta’ dawk l-anġli tal-Fioruċċi… u għandi code vera tqila, tant li lanqas jien stess ma niftakarha!”

“Mela kif tagħmel meta trid tilbes xi ħaġa milli għandek fis-safe?”

“Nimxi ittra ittra, u numru numru, minn fuq il-karta, hux?”

“Nispera li l-karta tagħmilha x’imkien fejn ma tidhirx.”

“Inwaħħalha bit-tejp mal-wara tal-mera tat-twaletta.”

“Isma’ minni… mur, u neħħiha min hemm.”

“U iva, ajma. Issa xi ħin inneħħiha. Lil min ħa tiġih f’moħħu li jfittex hemm?”

Fil-fatt, kien hemm xi ħadd li ġietu f’moħħu… probabbilment dak li kien bilqegħda fil-bank ta’ ħdejhom fil-ġnien, li taparsi kien qed jaqra l-gazzetta. Sakemm marret id-dar bilqajla l-qajla, hu kien ġa mar u ġarrilha kollox.

Mhux l-ewwel darba li aħna nidraw ir-rutina, u nagħmlu l-istess affarijiet, jum wara jum, bla ma naħsbu li xi drawwiet tagħna jistgħu jkunu ta’ dannu għalina stess, u għall-oħrajn ukoll.

Dan ma jgħoddx biss għas-saħħa u għas-sigurtà, iżda għax-xogħol u għall-ħin tad-divertiment. Il-Malti jgħidlek li min ma jbiddilx, iqammel. Forsi wasal iż-żmien li nagħtu titwila lejn xi drawwiet, li forsi saru vizzji, u naraw naqtgħuhomx jew almenu nirranġawhom xi ftit.

Ġieli rajtu lil xi ħadd isuq u jpejjep? Tindunaw kemm jgħammex għajnejh biex jevita id-duħħan? Tgħid, dan qed jagħti l-attenzjoni kollha fuq it-triq, li ma jmurx jaqsam xi ħadd għal għarrieda, u fuq is-sewwieqa ta’ madwaru?

Hawn min jobdi r-regola li għal kull nofs siegħa xogħol, għandu jkun hemm ħames minuti serħan il-moħħ. Imma dawn il-ħames minuti jafu jiġġebbdu jekk int iftettillek tużahom biex iċċempel lil dak u lil dik, dwar xi ħaga li jkollok għalfejn tiddiskuti fit-tul dwarha.

Hawn min, jekk jaqta’ sebgħu, mhux demm joħroġ, iżda te, jew kafe. Ninsew li dawn jgħinuna naħdmu aħjar meta noħduhom f’dożi żgħar biss. Iż-żejjed jaffettwa kif nikkonċentraw, kif nippjanaw, u kemm indumu biex nitilfu l-attenzjoni.

“Jien bla radju ma naħdimx…” Imma jekk ir-radju jkun fuq stazzjon ta’ mużika storbjuża, ifixklek. Jekk tixgħel it-televixin u kull meta jfettillek tiċċassa lejh ħa tara x’inhuma jgħidu, jew isajru, jew fejn waslet l-istorja…aqta’ kemm jitla’ x-xogħol!

It-teknoloġija kultant titfagħna lura, mhux ’il quddiem. Flok tikteb nota b’lapes fuq karta, tagħmilha fuq il-kompjuter u toħroġha stampata. U meta tfittex dwar xi ħaġa, tispiċċa taqra għaxar artikli żejda.

Tajjeb ħafna li tkun ta’ qalb ħelwa u umli – imma mhux meta dan ifisser li kulħadd iwikkik xogħol żejjed “għax dik ma tafx tgħid le”. Int qed taħli (mhux tuża) ħinek f’affarijiet li mhux suppost qed tagħmilhom, biex jew tiegħek ma tagħmilhomx sew, jew iddum wara l-ħin, jew toħodhom id-dar. U l-familja?

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on March 3, 2015 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: