Tanja Cilia

Freelance Writer

Meta Sigriet Ma Jibqax

Lehen is-Sewwa 1 ta’ Frar 2015

Gossip

 

Meta Sigriet Ma Jibqax…

Henry ried jiżżewwiġha biex ikollu t-tfal. Dorothy riedet tiżżewġu biex tgħix ħajja ta’ sinjura. Darba qaltli li beżgħet li jekk ikollha t-tfal “titlef kollox” inkluż il-figura sabiħa li kellha. Qaltli biex inżomm kollox sigriet. U jien hekk għamilt.

Dan l-aħħar iltqajt magħha, u bqajt issummata. Fejn kienet l-artista li kont naf? Niftehmu, xorta kienet qisha artista, imma flok Diva, kienet qisha s-Saħħara l-Ħażina tal-Wizard of Oz; għajnejha ħomor, xagħar b’ferq abjad ta’ pulzier, riħa ta’ għaraq qares, nifs jinten…

Morna nieħdu kafe. Qaltli li stajt ma nżommux iżjed is-sigriet. Anzi, insistiet li ngħidu biex jitgħallem ħaddieħor. Qaltli li kellha ħabiba tal-qalb li magħha kienet tafda kollox. Qaltilha li biex ma tinqabadx tqila, kienet tieħu l-kontraċettivi. U l-oħra qaltiha li sewwa kienet tagħmel għax it-tfal tagħha inkwiet biss kienu ġabulha. Għiduli naqra, x’inkwiet jistgħu jġibu tfal ta’ inqas minn għaxar snin, għajr xi ġlieda ’l hawn u ’l hinn u li ma jkunux iridu jistudjaw?

Darba minnhom Henry wasal id-dar tard wara x-xogħol, u Dorothy staqsietu, bla ebda ħsieb ta’ xejn, fejn kien mar. “Mhux aħjar tara fejn tmur int?” ħatafha. Hi ħasbitu qed jiċċajta. Imma kien qed jitkellem bis-serjetà kollha. “Għalhekk ma ridtx tmur taħdem, ja mara ħażina…”

Wara ġlieda papali, li fiha akkużaha li kienet qed taqlibhielu, u insinwazzjonijiet dwar li għalhekk qatt ma riedet tfal, biex tkun tista’ tiġġerra ’l hawn u ’l hinn, taha daqqa ta’ ħarta u qasmilha xoffitha. Din kienet l-ewwel darba li kien refa’ idu fuqha.

Dorothy intilfet. Filli dak il-fsied kollu u filli jgħajjarha mara tat-triq. U la ried jiekol u la ried jibqa’ fl-istess sular li kienet hi… Biex jorqod, issakkar fl-istudju tiegħu, fejn kellu sufan. Qabel ma sabbat il-bieb, qalilha li jieħdu żgur l-annullament għax kienet ħbietlu li ma ridetx tfal.

Hi kienet taf li qatt ma tat wiċċ lil ħaddieħor. Bilfors li xi ħadd kien gideb fuqha, u mlieh bil-velenu. Bil-kwiet, ippakkjat ftit ħwejjeġ f’basket, u telqet ’il barra bla ma taf fejn kienet se tagħti rasha. Ċemplet lill-ħabiba tagħha, u rrakuntatilha x’ġara. Din qaltilha li sewwa kienet għamlet li telqet mid-dar, għax la kien sawwatha (użat dik il-kelma tabilħaqq) darba, kien se jkompli jagħmel hekk.

Imma… ma setgħetx iżżommha għandha, “għax taf int, bit-tfal…”. U għal Dorothy dik l-enfasi fuq il-kelma tfal kienet kixfet lill-oħra. Qisha xegħlet bozza tal-elf f’daqqa. Mela hi kienet hi li kixfitha ma’ Henry. Ċemplitlu? Iltaqgħet miegħu wara x-xogħol? Bagħtitlu xi ittra?

L-oħra staqsietha x’kienet se tagħmel issa. Dorothy ħassitha mifnija. B’vuċi maħnuqa, staqsiet lil ħabibitha (għalkemm kienet taf it-tweġiba, imma bħal riedet konferma) jekk kinetx qalet is-sigriet tagħha lil Henry. “U ma tarax!” weġbitha l-ħabiba b’nofs daħqa. “Mela jien xi peċluqa għajjura, jew?”

L-istorja spiċċat b’li Dorothy marret tgħix ftit għand ħuha, u Henry baqa’ jsostni li daħqet bih. Hi, allavolja kienet taħlef li dejjem kienet retta, ma ridetx terġa’ tmur id-dar meta kienet taf li hu ma kienx jafdaha. U fejn qatt ma ħadmet f’ħajjitha, issa bdiet tmur taħsel għand in-nies, u moħħha donnu ħfief ukoll.

Saħqet li jien għandi ngħaddi żewġ messaġġi importanti; li ż-żwieġ mhux logħba, u li l-koppja għandhom iqiegħdu l-karti kollha fuq il-mejda. U siġriet tal-qrar, fil-qrar biss għandu jingħad.

Iżda l-iżjed ħaġa li nsistiet fuqha kienet li kulħadd jixtarr sewwa il-kliem tal-Mulej: “Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem. Oqogħdu attenti mill-bnedmin!” allavolja hawn meħudin barra mill-kuntest tagħhom.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on February 1, 2015 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: