Tanja Cilia

Freelance Writer

Għax dik fuq ir-Relief…

http://www.inewsmalta.com/dart/20130621-ax-dik-fuq-ir-relief

Broom

11:26  |  21.06.2013

Fuq tal-linja telgħu tlett ibniet li bejniethom kellhom sebat itfal. Basktijiet tal-iskola, fliexken tal-iced tea, buggy taż-żgħira nett… insomma, qisna sejrin ix-xalata tad-duttrina…

Għalkemm bħas soltu kelli earbud tar-radju waħda f’widinti, stajt ninduna li kien hemm min dehrlu li għandu juri li “dawn l-affarijiet ma jsirux”.

Waħda Ingliża xiħa daret fuq l-eqreb waħda u staqsietha “are they all yours?” – mistoqsija li probabbilment xtaqu jistaqsuha xi erbgħa minn dawk li kien hemm fuq tal-linja dak il-ħin.

“No! Course not!” qalet din. “Him and her mine, him and him hers (u ppuntat lejn oħra) u her her and him hers…”

Tbissimt, u… nistqarr li ħarist bl-ikrah lejn dik il-mara li dehret li ma ħadetx gost li wieħed mis-subien kien bilwieqfa ħdejha, mill-ħars li bdiet tagħtih.

Insomma, dawn niżlu… u din il-gustuża qalet “…u żgur. Imħatra qegħdin fuq ir-Relief, u żewġi jaħdem għalihom…Bajd u beċċun, ifaqqsu biex jieħdu iżjed…”

Hija ħaġa minn ewl id-dinja li meta ngħidu “fuq ir-Relief” – espressjoni li ġejja minn żmien żemżem – aktarx li nkunu qed infissru lil xi ħadd li jidher qisu ċakkara, jew xi ħadd li għażżien wisq biex jaħdem, jew xi ħadd li għandu xi diżabbiltà u ma sabx xogħol. U m’għandniex xi ngħidu, l-immaġinazzjoni tagħna tgħidilna li dawn in-nies jgħixu f’dar maħmuġa tinten, għandhom xi sitt iklieb, u… bilħaqq, it-tfal iżjed iva milli le, ikollhom salt qamel f’xagħarhom.

U… jekk m’għandhomx il-ġrieden, ukoll… dawn il-parassiti tas-soċjetà.

Il-midja u dawk kollha li jaħdmu fost dawn in-nies bi bżonnijiet jgħidulna li dawn huma “l-foqra” – mhux għax m’għandhomx flus, iżda forsi jew ma jafux jużaw il-flus li għandhom sew.

Iżda din m’hiex il-verità kollha.

Ninsew li hemm min qiegħed f’dik l-emerġenza temporanja; ngħidu aħna, xi ħadd li tilef ix-xogħol għax l-entità li kien jaħdem magħha falliet, u ma kellux biżżejjed biex jieħu l-benefiċċju tal-qgħad. Allura dawn “għażżenin”?

Nieħdu mara li romlot… li għandha t-tfal żgħar u mhux f’pożizzjoni li toħroġ taħdem, u (li la hi biċċa tiegħi u anqas tiegħek) tiddeċiedi li ma tkunx tista’ tgħajjex lil uliedha bil-penzjoni. Allura din għażżiena?

Aħna l-Maltin x’aktarx li noqomsu biex ngħinuhom lil dawn… jekk inkunu nafu bihom. Imma hemm min ma jkunx jixtieq juri li għandu bżonn lil xi ħadd, meta soltu dejjem kien ivinċi sewwa.

U jekk xi ħadd marad, jew korra? Allura jekk ir-raġel jew il-mara tiegħu ma joħorġux jaħdmu fis… allura dawn għażżenin? U min iħallas flejjes kbar għall-kera ta’ gorboġ, għax ma jarax għalfejn għandu jxrti post… u anqas li kieku, qatt m’hu ser jasal… allura dan għażżien… għax ma tantx jibqagħlu flus?

U jekk joffrulhom xogħol prekarju u ma jaċċettawx… allura dawn għażżenin? Inkella, jmorru jaħdmu bla ktieb… bla ebda sigurtà… allura hekk irriduhom, biex juruna li m’humiex għażżenin?

U meta naraw il-barranin jaħdmu… xi xogħlijiet li huma meqjusa li “mhux puliti” – allura dawn qed ‘joħdulna xogħolna’, jew qed jaħdmu flok l-“għażżenin”?

Barra minnhekk, naraw li hemm għadd kbir ta’ xjuħ li jieħdu l-għajnuna soċjali. Min aħna aħna biex niġġudikawhom, għax ma faddlux biżżejjed meta kienu kapaċi jaħdmu?

Min għandu xogħol tajjeb, u bejn wieħed u ieħor jista’ jixtri li jrid, ma jistax jifhem xi jfisser li ma jkollokx flus biex tixtri kwart perżut għax aħjar tixtri l-ħobż… għax dak iżjed jimla’ ż-żaqq tat-tfal. U din, emmnuni, mhux “esaġerazzjoni”.

U bilħaqq… imaġina li int m’għandekx telefon ċellulari, u / jew karozza. Tapplika għax-xogħol, u jistaqsuk minn fejn int. Imbagħad jistaqsuk għandekx karozza. “Għandek siegħa u nofs biex tasal, kieku…” “Ma jimpurtax… għat-tfal nagħmel kull sagrifiċċju jien…” “Eh, għandek it-tfal? U jekk jimirdu, għandek min joqgħod magħhom?”

U żgur li mhux legali dawn il-mistoqsijiet u kummenti. U żgur li kieku lil raġel ma kienux jistaqsuhomlu. Mhux bilfors li hawn min jaqta’ qalbu, u jgħidlek li almenu bl-assistenza soċjali jieħu “xi ħaġa” żgur?

Ma ninsewx ukoll li hawn min hu mdorri f’kultura fejn li tieħu l-assistenza soċjali hija meqjusa bħala xi ħaġa “normali”. Mhux tajjeb għaddejin, jew?

Min jaf jirranġa, minn hawn u minn hemm, forsi ma jarax il-bżonn li ma jibqax jgħix f’din il-ħajja… iżda jista’ jkun li jekk xi ħadd ikun irid joħroġ minn dan iċ-ċirku, ta’ madwaru jiddieħqu bih. Tarax ħej, irid isir Professur.

Mhux daqshekk faċli li tkun taf x’ħinu għaddej fil-ħajja privata ta’ dak li jkun. Għax kultant, anqas l-istatistiċi ma jixhdu l-verità.

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on October 11, 2014 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: