Tanja Cilia

Freelance Writer

Dinja Għalija: Suq, Ħa Mmorru

BusDodge – x’ironija!

http://www.inewsmalta.com/dart/20141001-dinja-alija-suq-mmorru

Fuq sezzjoni oħra tal-istampa, kif jgħidu, reġa’ ssemma l-każ tax-xufier li tilef ħobżu, bejn wieħed u ieħor, għax xi ħadd dehrlu li għandu jgħaddih passata.

Kien hemm intervista ma’ dan ix-xufier li sostna li meta t-trakk ġratlu l-ħsara, tefa’ lejn il-ġenb – b’hekk, la baqa’dieħel irrankat fuq ta’ quddiemu, u anqas żamm it-traffiku ta’ warajh.

Issa kien hawn ħafna għorrief li saħqu li dan kien qed jagħmilha tal-ħelu. Ma nistax nifhem kif waslu għal din il-konklużjoni. Għax sakemm ma kienux hemm, ma jafux eżatt x’ġara. Jistgħu biss, kif qed nagħmel jien, jaslu għall-konklużjonijiet imsawra fuq il-biċċa filmat li deher fuq YouTube.

Il-persuna li tefgħet il-filmat fuq is-sit soċjali ma pprovdietx il-backstory. Kien hemm biss kumment sarkastiku, u malizzjuż, li suppost kien idaħħaq.

Issa ejjew inqisu kollox. U ninsew li din qisha xi klipp li tmur ma’ xi diska minn dawk ta’ Joe Demicoli u Augusto Cardinali.

Mela, din il-vettura kienet fit-triq. Xi ħadd għamillha l-VRT, u qies li kienet tajba mhux biss li tinstaq, iżda li fiha jkun hemm għadd ta’ passiġġieri, li ħajjithom tiddependi, fost ħafna affarijiet oħra fuq kemm dan l-istat ta’ fatt ikun minnu.

U x-xufier ħareġ biha jaqdi dmiru. L-isteering beda’ jilgħab. Ix-xufier, fil-filmat, deher li beda’ jinkwieta. U l-kameraman ta’ xewqti ħareġ it-telefon u beda’ jiġbed. “Din tajba għal YouTube”, kważi kważi nisimgħuh jaħsibhom dawn il-kliem.

U x-xufier, li min jaf x’attak ta’ ansjetà qabdu, jipprova jikkontrolla l-vettura… u r-rota fis tiġi f’idu… tant li nisimgħuh jgħid lil xufier ieħor “tqaċċtitli” – jiġifieri, li ġara, ġara dak il-ħin.

Issa, ngħid jien, kieku l-isteering kien difettuż mill-bidu tal-vjaġġ, kien jagħmlu? Ħadd mill-ġurnalisti ma staqsiha din; u għaldaqstant kien hemm min assuma li hekk kien.

Hawn min jitfa’ klipp fuq YouTube bil-kummentarju magħha, iżda hawn, mhux hekk ġara – forsi għax il-filmat tant inġibed mill-viċin, li min ħadu ma xtaqx li x-xufier jinduna li qed jieħdu “ma jmurx jiġrilu bħal dik it-turista…”

Issa li l-każ qajjem kjass, min ġibed il-filmat ma qalx eżatt x’ġara, lanqas. U ħadd mill-passiġġieri, li bilfors li jiftakru l-inċident għax dan kien wieħed uniku mhux wieħed rari, ma kiteb fil-gazzetti biex jgħid “jien kont hemm u naf x’inqala’” (litteralment). Nafu kemm in-nies jobogħdu jitilgħu bħala xhud il-Qorti – forsi din waħda minn dawk l-okkażżjonijiet.

Mela – il-karozza fil-ġenb tat-triq, jiġi l-mekkanik, u jsewwiha, u l-vjaġġ ikompli.

Issa… jien kont mingħalija li fuq kull xufier hemm kamera (biex ma jagħmlux bħalma kienu jagħmlu meta kont żgħira jien, nofs seklu ilu, u jinżlu jgibu s-sorra bl-ikel mingħand ommhom, jew jieqfu jixtru l-biljetti tal-lottu). Mid-dehra, mhux hekk. Jien kont bl-idea li hemm xi GPS li turi kull karozza fejn tkun, f’kull ħin, għall-istess raġuni… iżda bilfors li mhux hekk, għax kieku, mal-ħaġra t-tajn kienet tkun il-biċċa.

Ħadd mill-passiġġieri ma tah attakk tal-esteriżmu. Mela allura, jew ma ndunawx b’li kien ġara, jew ma ħassewx li kienu fil-periklu. Min jaf? Forsi kieku kien hemm two-way radio mal-Head Offfice, kienu jindunaw, meta jikkuntattjahom ix-xufier, li kien hemm twerżieq u biki li kieku kien jindika li kien hemm l-għawġ.

Le, mela; kellu joħroġ il-filmat fuq YouTube biex jittieħdu passi dixxiplinarji, biex bħallikieku naraw li “saret xi ħaġa”. Kmieni.

Sadanittant, nassumi li x-xufier tħalla jsuq. Mela, jekk kien irresponsabbli, għaliex tħalla jsuq? Jekk tħalla jsuq, mela allura, ma kienx irresponsabbli… din loġika bażika. U bilħaqq, jien ma nafx min hu dan, aħseb u ara kemm jiġi minni, kif qaluli meta qbiżt għalih fuq Facebook.

Jekk tal-garaxx indunaw li kien hemm xi ħaġa ħażina u ħallewha, għax “niddubaw”, mhux sew. Jekk tal-VRT għaddew karozza bl-isteering column imnellaħ, mhux sew anqas.

Imma jekk kien hemm xi metal fatigue li ma deherx, u r-rota filli qed tilgħab, u filli tqaċċtet, mela allura, hekk ħaġa oħra – u xorta mhux tort tax-xufier. Jekk bdot iniżżel ajruplan li tiegħu ma kellux kontroll assolut, jingħata midlaja. Imma dan il-povru ragel… laqqatha, allavolja aġixxa kif l-aħjar seta’ fiċ-ċirkostanzi.

Nisħaq li kieku ġara xi inċident, konna nkunu nafu bih fl-aħbarijiet, mhux minn fuq YouTube. U kellu allura, għalfejn jitlef xogħlu x-xufier? Tgħidulix li seta’ ġara – għax kien hemm ħafna okkażżjonijiet fejn l-inċident kien jiġi mwaqqaf qabel ma kien ikollu ċans jiġi… u ħadd ma ndejna ruħu jagħti kashom.

Min deherlu li kellu jgħaddi passata b’dax-xufier, issa għandu jkun raġel biżżejjed biex jaqbeż għalih… u min kien hemm fuq il-karozza, tant’ieħor. Għax kieku kien bihom, jew żewġhom, jew missierhom, żgur li kienu jixtiequ li xi ħadd jixhed għalih.

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on October 1, 2014 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: