Tanja Cilia

Freelance Writer

Sewwa, Sewwa, Ma Nafx Eżatt…

Books1   Kif konna qed ngħidu, kultant, il-verità hija relattiva. Tigdeb, bla ma tgħid xejn, jew tgħid il-verità b’tali mod li dak li jkun ma jemmnekx… għax hekk tkun tixtieq li jiġri. Hawn min jgħid biss parti mill-verità barra mill-kuntest, biex lil dak li jkun taqtagħlu l-għatx bl-ilma tal-perżut; jew inkella biex, apposta, tagħtih impressjoni falza ta’ dak li hu, jew ta’ dak li ġara tabilħaqq. Nagħmlu mod kien hemm kaxxa ċikkulatini li suppost marret għand xi ħad, u din tisparixxi. Ħadd ma raha. Ħadd ma messha. Aħseb u ara kemm kien hemm xi ħadd u kielha. M’hemmx evidenza, għax anqas fidda waħda ma tidher. Xi ħadd qal “Iva, tgħid ma kiltiex kollha waħdi jien?” U jista’ jkun li qed jgħid hekk għax vera hekk għamel. Imma jista’ jkun li qed jgħid hekk għax xi ħadd waħħal fih, billi f’dik il-familja hu l-iżjed wieħed li jħobb iċ-ċikkulata. Ħadd ma jista’ jgħid fiċ-ċert x’ikun ġara… sakemm ma jkunx hemm xi ħadd li jħossu ħażin bl-overdose taċ-ċikkulata! Imma jekk jiġi xi ħadd fuqek u jgħidlek “Kemm kienu tajbin iċ-ċikkulatini li tatni l-kunjata!” int tkun taf eżatt x’ġara. Kos, vera… propju meta ġiet għandek hi kienet sparixxiet il-kaxxa. Tatha b’rigal biex tidher ħelwa! Anqas ħaqq kemm għajjathom ħnieżer u giddibin li-tfal. Kultant kif jgħidu, il-giddieb għomru qasir. Iżda mhux dejjem. Hawn min jigdeb, jaqla’ minn żniedu u jħarref, u qatt ma jinqabad. Hawn min jinkixef wara snin twal. U hawn min, kif jitħajjar jigdeb, isir aħmar nar u jibda jtemtem, u jkun diġà nqabad qabel ma lissen il-gidba kollha. Hawn min hu espert tal-gideb – li jaf kif iħallat iż-żejt mal-ilma u jġibu emulsjoni, biex tal-ewwel qatt ma’ jfiġġ fuq tat-tieni. Immaġinaw dan li ġej. Jissemma xi ħadd, u jaqbeż xi proxxmu li jista’ jkun li xi darba kien xellef difru miegħu. Dan jaf sew li jekk jigdeb ħadd ma jemmnu. Allura, kemm kemm jagħmel ħoss minn wara xofftejn magħluqa, jew jgħidlek “Iva, mela, afdah lil dak!” Ovvjament, int tistaqsih “Jaqaw?” u hu jgħidlek “Aħjar ma ngħid xejn, ara…” U żgur li aħjar ma jgħid xejn – kemm għax m’hemmx xi tgħid, u kif ukoll għax jekk jgħid xi ħaġa juri li hu kellu t-tort meta hu u l-ieħor kellhom xi jgħidu. Hawn m’iniex qed nitkellem fuq meta int ma tgħidx il-verità biex ma tagħmilx ħsara lil xi ħadd, jew għax ma tħobbx isseksek. Aħjar iżżomm ħalqek magħluq, milli tivvinta xi storja. Għax meta tigdeb, trid tiftakar x’għedt u lil min. Il-verità hi waħda u ma ttikx dawn il-problemi. Barra minn hekk, hawn min jistaqsi xi ħaġa lilek, u qabel ma tkun tista’ tavża jew tikkonsulta lil terzi persuni, ikunu diġà marru jistaqsu lilhom l-istess ħaġa, biex inassuk. Hawn min jieħu gost jisma’ leħnu; itaqtaq u jitenni dak li hu possibbli jew plawsibbli, għax hekk jidhirlu li għandu jagħmel. Dan jagħmlu bla ebda ħsieb, biex jimpressjona, jew biex ikun qal xi ħaġa. Imma hawn min jagħmel hekk bħala mezz ta’ propaganda, jew għax malinn jew malizzjuż. U ssib min jgħidlek “Jien għall-ġid tiegħek gdibtlek, ruħi qalbi…” In-nofs verità hija kważi dejjem nofsha qarrieqa wkoll. L-element ta’ verità jkun dak in-nofs li jmil l-istorja skont ma jridha tkun min ikun qed jirrakontaha. Imbagħad, idu fuq qalbu, dan jgħidlek li int tkun li fhimt ħażin.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on September 28, 2014 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: