Tanja Cilia

Freelance Writer

Bil-Flus fil-Kus, Tgħannaq u Tbus

http://www.inewsmalta.com/dart/20140708-bil-flus-fil-kus-tg-annaq-tbus

Money

 

 

08.07.2014

L-istorja bdiet, qabel – imma fl-10 ta’ Novembru tal-2013, David talab lil Maria biex tkun martu – u din tant aċċettat bil-qalb u xandret l-aħbar fuq Facebook.

Mur għidilha x’kellu jiġri…

Kif jgħidu fin-novelli fast forward għal Lulju ta’ din is-sena, u niftakru li kien hawn ħafna għajdut dwar jekk Brad Pitt u Angelina Jolie kienux ser jixtru post Malta, jew forsi forsi jiżżewġu hawn…

Mela ġara li dawn Maria u David qatgħuha li jiżżewġu al fresco, u ma sabu mkien isbaħ minn Mġarr ix-Xini. Dlonk marru għand il-Kunisill Lokali, applikaw, ħalsu l-miżata… u barra bid-daqq (kif wara kollox jixraq f’tieġ fl-Open Air). Almenu hekk immaġinaw.

Ġara li meta Jolie u Pitt daru mal-gżejjer biex isibu lokazzjonijiet fejn jiġbdu l-film li kitbet hi u li ħa jkun l-attur prinċipali fih hu… iffissaw fuq Mġarr ix-Xini. U f’ġieħ it-Torok tal-ħabbażież, ma jagħżlux żmien li fih kien inkluż il-jum tat-tieġ ta’ din il-koppja li xtaqet destination wedding?

U qamu l-irwiefen tad-dinja. Maria kitbet ittra li ttamat li jekk tagħmilha fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook, kien ser jaraha Brad Pitt. Jien komplejt magħha u ħallejt nota fuq kull paġna li għandha x’taqsam mal-films miġbuda Malta. Maria rringrazzjatni li għamilt hekk – imma jien għedtilha li tirringrazzjani biss jekk il-messaġġ jasal.

Sadattant kolli ngħid li tnejn biss mill-amministrazzjonijiet tal-paġni, wieġbuni…

Kien x’kien, jibqa’ l-fatt li filwaqt li l-ekonomija Maltija x’aktarx li ser tgawdi sew minn dan il-film, kien hemm ksur ta’ kuntratt li sar mal-koppja meta ħallsu talli kienu ser jużaw art pubblika.

Kien hemm min qalilhom biex jikbru ftit u ma jgħidux ħmerijiet, għax it-tieġ tagħhom ma kienx importanti daqs “event” bħal dan. U min jaf kieku din ġrat lihom kienux jgħidu l-istess.

Kien hemm, iif, ma jistax jonqos, xi erba’ razzisti li żeffnu fin-nofs il-fatt li Maria mhux Maltija, u li għaldaqstant, il-koppja ma għandhiex tippretendi li tiżżewweġ f’post pubbliku Malti. Komplew juru kemm huma injoranti, dawn in-nies, għax qalu li “ma jsirux tiġijiet hekk, qatt”. Il-ħelwa hi li dawn in-nies li qed jgħajjru lil din il-koppja, fuq il-bażi (dejjem kif qed nifhem jien) li la m’humiex Maltin, m’għandhomx dritt li jippretendu li jiżżewġu f’lok pubbliku, soltu jobżqu l-velenu lejn dawk li huma jidhrilhom li huma razzisti.

Jien staqsejt jekk forsi kieku jkunu jafu l-koppja ta’ Hollywood, x’qed jiġri, kienux forsi jħallu ġurnata bla filming. U qaluli li jum bla ġbid ikun jiswa eluf ta’ dollari. Imma jien mhux hekk kont staqsejt.

Sibt sit li lill-aħbar tal-film taha prominenza kbira. Ħallejt kumment li kien mogħti n-numru 529, u għad li kien wieħed mill-ftit relevanti għall-artiklu, filwaqt li ta’ qablu u ta’ warajh ġew approvati mill-ewwel (għalkemm ma kellhomx x’jaqsmu), tiegħi dam ħafna, ħafna, fil-kju biex jiġi ‘moderat’.

Spiċċa biex ma dehrx, u n-numru 529 ġie allokat lil kumment banali fuq it-Trolls. Imma din x’biċċa hi allura? Ma jridux li l-Pitts isiru jafu bl-istorja minn xi rivista online li ma tridx tidher kerha, għax ikellha ma jagħtuhiex “scoops” iżjed?

Ħallejt ukoll kumment fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ min jidderieġi din ir-rivista… u ma wieġibnix, anqas. U kieku dan il-blog kien cartoon, kien ikun hemm tpinġija ta’ “?!” fuq rasi.

Allura possibbli li ma jistax jinstab kompromess, almenu għall-ksur ta’ kuntratt u danni morali? Dan mhux tieġ Lhudi antik, li kien idum sejjer sew… dan l-iżjed, mhux nofs ta’ nhar idum? Dan mhux xi tieġ li kien ser isir f’Villa, u kollox jista’ jinġarr għal Villa oħra tal-istess kumpanija (jekk ma jkunx hemm tieġ ieħor fl-istess jum).

Kieku din kienet storja li ktibtha jien… Anġelina kienet tara kif tagħmel u saħansitra ddeffes it-tieġ fl-iskript, li wara kollox huwa storja ta’ mħabba. Inkella, xi ħadd iċempel lil Jon Stewart u jgħidulu x’ġara… Jien ħallejtlu nota fuq is-sit tiegħu, imma s’issa ma weġibnix.

Ovvja li bħal ma ġara lil Maria u David ġara lil koppji oħra… imma kull każ huwa uniku, u importanti għal min ikun qed jgħixu. U għaldaqstant ma narax il-għala kien hemm min tkellem pastaż, u min tkellem ħażin, biex juri li l-opinjoni tiegħu hija tajba, u ta’ ħaddiehor, le.

Ngħidu aħna, kien hemm lukanda li l-amministrazzjoni tagħha, qabel ma ddeċidiet Ii tagħmel refurbishment, ma ċċekkjawx jekk kienx hemm tiġijiet ibbukkjati. U kien hemm. U ġew bil-meraq biex jagħtu d-deposit lura lill-koppja.

Kulħadd ikejjel b’xibru, u hawn min insinwa li dawn iridu biss kumpens… meta anqas biss kienu jafu x’ser jiġri, għax kieku żgur kienu jagħżlu bajja oħra…

Issa nagħmlu mod li Branġelina kienu ħa jiżżewġu hawn, u ta’ Disney għoġobhom il-post propju fejn kienet tkun għażlet il-koppja, għax billi Malta hija gżira, Ariel tista’ tiżżewweġ hawn (ukoll!), u jridu jagħmlu l-film hemm. Tgħid, x’kien jiġri? Min kien jitħalla juża l-post? Jew, fi kliem ieħor… kontra min kienet issur id-diskriminazzjoni?

Jien ngħid li sakemm is-Sur Sindku ma kitibx “terms and conditions apply” (bl-Ingliż, biex din il-koppja barranija ma jkollhiex skuża li ma fehmitx), mhux suppost li nqatgħet arbitrarjament il-ħaġa, iżda bi ftehim madwar mejda, bejn rapreżentanti tal-kppja Maria u David, u tal-koppja Angelina u Brad. Tkun ħaġa sew kieku min jaf jekk dan sarx, jinfurnaman lkoll.

U ajma, mhux ovvja lil għal kull min hu patrijott bħali, naraw li finanzjarjament, aħjar film li jkun riklam għar-Repubblika u jġibilna kemxa flus sew, u jsostni l-fama li għandha Malta fil-qasam tal-ġbid tal-films, minn okkażżjoni privata? Li lili dejjaqni kien il-mod arbitrarju li saru bih l-affarijiet.

U ħaġ’oħra – Maria u David jafu li kapaċi jqum riefnu li mhux lix-Xini biss iġorr, iżda lilhom ukoll? Possibbli li min irranġalhom kollox ma avżahomx b’dan?

U intom… x’taħsbu?

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on July 19, 2014 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: