Tanja Cilia

Freelance Writer

Kif Issir Miżerabbli

Mask

Kemm idejquk, hux vera, dawk in-nies li dejjem bi tbissima serafika fuq fommhom? U iżjed u iżjed meta dawn jippruvaw jinfettawk bil-virus tal-ferħ ta’ qalbhom.

Mela dawn ma jafux li meta nkunu miżerabbli, jaqblilna, għax niġbdu s-simpatija tan-nies u jgħidulna jaħassra-miskina?

Lil Vivienne taraha ġejja bi ktieb; Katya tagħmillek il-kwareżimal għax taf kemm tħobbu; Jennifer iżżomlok it-tfal; Dorianne tħallaslek sessjoni għand il-beautician. U dawn, kieku kellek il-ferħ ifur minn qalbek, żgur ma kinux jagħtu kasek.

Mela allura, mhux aħjar nitgħallmu kif inkunu wiċċ Laskri? Segwi dawn il-kmandamenti.

  1. Insa l-mument preżenti. Għix dejjem fil-passat u fil-futur. L-issa mhux importanti. L-aqwa li tħammem fuq li ġara, u xi stajt għamilt, u li tippjana għall-futur, u taħseb bil-quddiem kif tista’ tfantas lil min jipprova jidħaq bik.
  2. Taħlix ħin f’ringrazzjamenti, gratitudni, ottimiżmu, trawwim ta’ relazzjonijiet – mhux xorta ħadd ma jafulek! U tinsiex li jekk tgħid fuq in-nies, l-oħrajn jgħidulek affarijiet oħra, u jkollok iżjed informazzjoni x’tgħid fit-taħdit li jmiss.
  3. Kun dejjem moħħok f’ħaddieħor. Għir għal dak li għandhom huma, u qabblu ma’ dak li m’għandekx int. Ibqa’ sejjer hekk, u tirnexxi b’garanzija.
  4. La titbissimx. Għalfejn? Mela trid titkemmex? Żomm dejjem wiċċek imqit, min jgħidlek li qisha waqgħet id-dinja, kun żgur li tgħidilhom li għoddha biex. Billi ċċarrat ħalqek, mhux se tkun ferħan; dejjem ftakar li s-sitwazzjoni tiegħek hija ferm agħar minn ta’ ħaddieħor.
  5. Kul li jfettillek. Wara kollox, din il-fissazzjoni żejda fuq li tiekol ikel bnin se tmardek bin-nervi. Meta tixtri kollox lest, ara kemm tiffranka li ssajjar, li tnaddaf il-kċina, u li toqgħod tħabbel rasek x’se tivvinta għall-borma. Tkunx ostaġġ ta’ dawn il-modi ġodda…
  6. Dejjem ara x’inhi l-opinjoni tal-oħrajn; għax b’hekk tiffranka li tħabbel moħħok biex taħseb, u tikkunsidra, u tqis l-affarijiet. Wara kollox, għaliex għandek therri moħħok? Mhux li hemm, hemm? Ukoll, la qegħdin fuq is-suġġett, dejjem ara x’jaħsbu l-oħrajn fuqek. Il-validazzjoni tiġi dejjem minn ħaddieħor, għax int qatt ma tkun tista’ tgħid sew x’tiswa.
  7. Ipprova impressjona lil ħaddieħor – jew billi tiżbogħ xagħrek kulur bimbi jew lelà, jew xi lewn ieħor ta’ barra minn hawn; jew forsi tilbes roża mal-oranġjo, jew takkuna m’għola xiber. Kulħadd jammirak, imma ħadd ma jkellmek, forsi għax jaħsbuk eċċentrika; u dan għandu jagħmlek miżerabbli, iżda tkun unika.
  8. Tgħidx il-verità. Anzi, irreżistiha. Għaliex għandek tikxef xturek ma’ ħaddieħor? Mhux kulħadd jaqla’ minn żniedu? Mhux kulħadd iħarref? B’hekk tkun tista’ tiġġudika lil ħaddieħor, għax int lesta li taċċetta li huma jkunu qed jiġġudikawk li int giddieba.
  9. Obdi r-regolamenti u lis-superjuri biss kif u meta jaqbillek. Tgħażżen kemm tiflaħ. B’hekk, teħles ħelu ħelu mir-responsabbiltà għax b’idek fuq qalbek tista’ tgħid “imma mhux jien għamiltha dik.” U jekk ikollok fama li ma tirrispettax l-awtorità, ħadd ma jiskanta bik.
  10. Irrabja. Werwirhom. Kun negattiva. Tgħin lil ħadd. Żomm kollox fil-komma. Taħfirx. Kun egoist. Teftef fil-feriti biex ma jagħlqux. B’hekk, ħadd ma jipprofitta ruħu minnek għax ikunu jafu x’issarraf. U wara kollox, kulħadd jgħin lilu nnifsu.

Jekk tħaddan u taċċetta dan it-twemmin, m’għandekx għax ma tkunx fis miżerabbbli. U tara kemm tiddobba torti tal-marmurat, u kwareżimal, u figolli…

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on April 24, 2014 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: