Tanja Cilia

Freelance Writer

Kif Issir Qaddis…

Lehen is-Sewwa  – 16 ta’ Frar

“Is-sema pajjiżi,” ngħidu, filwaqt li naqilbu għajnejna u nagħtu tbissima mqanżha.

Imma biex tmur il-ġenna, mhux lakemm taqta’ biljett one way u tittama li ma jkunx hemm xi terrorist li jitfilek ix-xemgħa qabel ma tasal.

Illum  ħsibt li niġbor ftit ħjiel minn hawn u minn hemm dwar kif dan jista’ jseħħ. Niftehmu, kultant ikun hemm bżonn iddaħħal idek fil-but ukoll. Dan mhux biex tikri s-siġġu, kif kienu jgħidu qabel għas-sitt ħabbiet li tagħti lis-sagristan, iżda għax “hekk hemm bżonn li jsir”.

Hi ħaġa minn awl id-dinja li tiftakar fl-Opri tal-Ħniena jekk trid pultruna komda għall-eternità.  Għaldaqstant hu ovvju li trid tagħmel ħafna u ħafna karità.

Imma ma tiqafx hemm.  Trid ukoll tiftaħar b’dak li tkun għamilt, tgħid kemm tajt, u lil min ukoll. B’hekk, imkaxkra mill-eżempju tiegħek, in-nies li jisimgħuk jagħmlu bħalek!

It-talb huwa importanti wkoll.  Mela int trid tgħid lil kulhadd biex jitlob għalik. B’hekk, il-karus tat-talb tiegħek jimtela ferm iżjed malajr. Tinsiex li min ikanta, jitlob darbtejn. Mela kanta, kanta, u kanta… l-iżjed fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, biex tpaxxi bil-vuċi melodjuża tiegħek lil dawk li jkunu qed jistrieħu. Wara kollox, la r-radjijiet jagħmlu programmi tal-mużika f’dawk il-ħinijiet, sinjal li qed jistednuk tkanta mad-diski li jdoqqu.

Tinsiex li trid tmur il-knisja bilfors, almenu nhar ta’ Ħadd. Hawn min jgħidlek li jħobb hekk għax jibqa’ barra għall-ikel.  Imma għidli int, mhux aħjar tiffranka ftit flus u tixtri takeaway, jekk vera ma tkunx tiflaħ issajjar wara ġimgħa xogħol? Jekk tagħmel hekk, tkun tista’ tmur il-Quddiesa tal-parroċċa tiegħek, u kulħadd jarak – l-iżjed jekk tidħol tard u timxi lejn il-bankijiet ta’ quddiem, li x’aktarx ikunu vojta, apposta għalik. Li tkun se tiffranka mill-ikel, itfgħu fis-sassla, imma qis li min jiġbor, li x’aktarx ikun xi ħadd li tafu, jara kemm tfajt.

Ixtri Bibbja oħra. Din id-darba ixtri waħda b’ħafna stampi kbar u sbieħ. Hekk ma jkollokx għalfejn taqraha, għax meta tħares lejn l-istampi, tiftakar fl-istejjer tagħhom… u jkollok iżjed ħin biex tilgħab logħba darts iċ-Ċentru – għax kollox irid ikun. U ngħiduha kif inhi, min jarak iċ-Ċentru jammirak għax isir jaf li ssib il-ħin għal kollox daqskemm int bil-għaqal.

Kull meta tisma’ priedka, f’moħħok dur l-ismijiet ta’ ħbiebek u tal-kollegi, u ara għal min jgħoddu sew il-kliem li jkun qed jgħid il-qassis. Hekk, meta tarahom, tkun tista’ tgħaddilhom it-tagħlim li tkun ħadt int. Ikun aħjar jekk tieħu karta u lapes miegħek il-knisja, biex tagħmel xi noti, li ma tmurx tinsa xi ħaġa importanti. Kemm hu sabiħ li tkun tista’ thenni lin-nies bil-kliem ħlejju tiegħek.

U bilħaqq, tinsiex tmexxi l-kelma dwar il-ħarġiet sbieħ li torganizzaw – ġbir ta’ fondi, Arċikonfraternità, Terzjarji, Grupp tan-Nisa, Klabb Soċjali… dejjem hemm fejn tmur, kieku. Hi ħasra li hawn tant nies li jipretenduha, li   jitolbuk tħallilhom il-biljett, imma ma jiġux għax imsieken jinqalalhom xi ħaġa!

Jekk ma jkollokx aptit tmur il-ħarġa, ċempel lil xi ħadd u qis li ġġibu f’pożizzjoni li jgħidlek kemm jixtieq jarak… u mur arah. Hekk għandek l-iskuża/raġuni lesta.

Ixtri ħafna u ħafna kotba reliġjuzi, biex meta jiġi t-tberik tkun tista’ turihom lill-qassis, u tistaqsih għandux dan, dak, u l-ieħor. Itfa’ xi santa ‘l hawn u ‘l hemm fihom, biex bħal timmarka l-paġna, biex jekk issellef il-ktieb lil xi ħadd, dan jara li almenu int qisek bdejt taqrah.

Trid tkun taf almenu sentenza jew tnejn minn dak li qalu San Atanasju, San Bażilju l-Kbir, San Girgor Nazianzju, u San Ġwann Kriżostmu, u tara kif iddeffsuhom f’kull konverzazzjoni li jkollok.

Jekk jorganizzaw xi safra għall-parruċċani qis li tmur, tkun fejn tkun id-destinazzjoni għax b’hekk turi s-sapport tiegħek lejn il-parroċċa.

Tbissem ħafna, biex in-nies ikunu jafu li int ta’ qalb ħelwa u umli… imma meta ma tkunx qed titbissem, tinsiex iżżomm ħarsa ta’ piena u tjieba fuq wiċċek, biex issaħħaħ din l-impressjoni.

Abbona fir-rivisti kollha li taf bihom, u saħansitra f’dawk li ma tafx bihom, u meta taqrahom, jew anki qabel, ħudhom il-knisja biex igawduhom l-oħrajn. Kif tkun fiż-żifna tista’ tixtri ftit santi bil-Kurunelli wkoll, u tqassamhom lin-nies.

Bi ftit sforz, tista’ ssir qaddis int ukoll. Jew qabar imbajjad.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on February 17, 2014 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: