Tanja Cilia

Freelance Writer

Kif iddejjaq lil kulħadd

http://www.inewsmalta.com/dart/20140203-kif-iddejjaq-lil-kul-add

Għamilt esperiment. Għamilt ġimgħa nitfa’ links bl-addoċċ fuq Facebook – diski, artikli, proverbji, siltiet minn kotba… kollha fuq il-paġna tiegħi, iżda nehmeż lil ħaddiehor, skont l-interessi tagħhom… ikel, politika, reliġjon, sport, annimali…

Kien hemm min għadda kumment. Kien hemm min ma qal xejn. Kien hemm min immarka li għoġbitu… u kien hemm min għandi nifhem li ma ħax gost biha, għax jew neħħewha jew ħbewha.

U din tatni idea oħra. Staqsejt li ċorma nies liema huma l-iżjed affarijiet li jdejquhom fuq is-siti soċjali. Ktibt il-mistoqsija u għamiltha copy-and-paste lil min kien qiegħed online, dak il-ħin, u tassew dħaqt bil-pingpinging tal-messaġġi dieħlin kollha f’daqqa.

Hawn min jaħseb li kulħadd jgħir għalih għax sabiħ, jew għax sinjur, jew għax intelliġenti. U hawn naraw li jew jiġu b’ħafna umiltà falza – ngħidu aħna, ritratt ta’ kejk imfattar u l-kumment “Kemm nixtieq kont naf insajjar daqs Dorothy #fjask #froġa”, jew inkella, ritratt tal-karozza l-ġdida bil-kumment “il-bejbi (sic) il-ġdida tiegħi”. Hawn ta’ min ifakkar li ma jaqbilx li tgħid li sejra ħmistax il-Karibew. U bilħaqq…. Ma nieħdux gost naraw affarijiet li aħjar isiru wara biebin magħluqa. U anqas nieħdu gost naqraw kemm tħobbu lil ħaninek.

Twitter għandu limitu ta’ ittri li tista’ tuża f’kull messaġġ. U hawn min juża Facebook bħallikieku kien Twitter. Sejra x-xogħol, xi dwejjaq. Kemm hawn min iħobb jitkessaħ, ajma. Illum ġurnata oħra – ħa naraw x’ġej. Xtrajt ħames kotba, issa naraw kemm ġejjin faċendi… eċċ eċċ.

Hawn min hu mdeffes f’elf ħaġa u waħda – u l-ħin kollu jgħidilna fejn għandna mmorru u lil minn għandna ngħinu.

U mbagħad hawn min dejjem għandu raġun; jikkmandana x’għandna naħsbu dwar il-veġetarjaniżmu, l-omossesswalità, in-Novus Ordo u l-iskejjel tal-Istat. Min jgħid li ma jaqbilx, jew jitneħħa minn “friend” jew jitwaqqa’ għaċ-ċajt minn sid il-wall u sħabu, tant li jista’ jkun li jispiċċa jitlaq hu minn jeddu.

U l-fotografi? Kull platt li jsajru, tarah sponut biex aħna ngħaddu xi kumment dwar kemm hu sabiħ jew min jaf kemm hu tajjeb. U hawn oħrajn li l-ħin kollu jiġbdu r-ritratti ta’ trabi, qtates, bini, sħab, toroq, membri tal-familja… u jitfugħhom wieħed f’wieħed u jħalluna bla nifs. In-narċissisti jitfgħu miljun ritrattt tagħhom stess, bejn dawn li semmejna.

Nies li jridu l-attenzjoni jagħmlu xi ritratt tagħhom, u jgħidu “ma ġiex tajjeb xagħri”, biex inti tgħidilhom kemm humma sbieħ. Inkella jġibu ritratti tagħhom u jgħiduek: “Ili sitt snin immur il-gym imma ma narax li għamel differenza,” biex int tgħidilhom kemm jidhru sew u b’saħħithom.

Inkella jagħmlu status dwar kemm huma mtaqqla u mdejqa, biex int tistaqsihom x’ġara. Kultant iżidu xi kumment dwar li huma twajba ż-żejjed, jew Ii daħħlu lifgħa f’ħobbhom.

Kultant niskanta kemm hawn min għandu ħin… żejjed. Kull logħba li jkun hemm, mhux talli jilagħbuha, talli jistiednuk biex tieħu sehem fiha magħhom. Oħrajn jivvintaw il-memes u jgħidulek biex ixxerridhom mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Ta’ kull ġimgħa, ssib min jistaqsik x’tela’ Lottu, jew jekk hemmx Farmers’ Market, jew minn fejn tixtri l-ġelu lest, kemm tirrumblah. Issib min jistaqsi mistoqsijiet banali dwar kemm suppost (!) ikollha żmien tifla qabel ma ttaqbilha widnejha.

Kummenti krittiċi ssib bl-eluf. Ħa naraw issa x’ser jgħamel dak il-gustuż. Min ikun midħla tas-sitwazzjoni, ikun jaf li Kathleen qed tgħid għall eks-raġel tagħha. Għedtilha li kelli ngħdilha u ġibtha żibel. Mhux kulħadd ikun jaf li Fiona marret tkellem lill-Kap tal-Iskola.

Issib min irid iwaqqa’ kollox għaċ-ċajt, u ma jimpurtax jekk biex jagħmel hekk iżarrat xi żewġ ċajtiet doppju sens. U hawn l-intellettawali li jikkoreġulek kull sentenza li fiha tkun irrakuntajt fatt mhux eżatt kif hemm miktub fil-kotba tal-istorja.

Hawn min, meta isir famuż, u f’daqqa waħda jibgħatlek xi nota li tgħid “qed innaqqas in-numru ta’ ħbieb għax għandi wisq, imma jekk trid tista’ ssir Fan tal-page tiegħi…”

U xi ngħidu għar-ritratti personali? Xagħarhom perfett (meta anqas għadu l-istess kulur). Snienhom perfetti (meta fil-fatt m’humiex). Ġilda perfetta (u fejnhom il-felul u n-nemex?). Hawn min jitfa’ ritratti li jkun ħa ma’ nies importanti jew famużi, jew ritratti ta’ meta siefer.

Hemm il-moda l-ġdida li isem ta’ “persuna” jkun fil-fatt l-isem ta’ koppja mwaħħda (Maryluke, Annathomas, Paulakeith), u kutant, żewġ kunjomijiet. Qishom “ixtri wieħed, u ħu wieħed b’xejn”. Jgħidu li dan isir biex juru li m’hemmx sigrieti bejniethom… imma jista’ jkun li hemm mottivi oħrajn.

Int, ma’ liema kategorija tagħmel – ma dawk li jiddejqu, jew ma’ dawk li jdejqu?

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on February 3, 2014 by in https://www.facebook.com/Tanja.Pauline.Cilia?fref=ts.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: