Tanja Cilia

Freelance Writer

Il-ħares li jħares

sharing-informationhttp://www.inewsmalta.com/dart/20140128-il-ares-li-ares

10:48  |  28.01.2014

Kultant jiltaqgħu skoss nies li ma tantx ikollhom x’jagħmlu, u mix-xejn joħolqu diskursata li, billi ssir fuq l-internet, iddum għaddejja jiem sħaħ, jekk mhux ġimgħat ukoll.

Mela dan l-aħħar, Adalġiża fettlilha titfa’ għajnejha fuq dar, kemxejn antika, f’tarf ta’ raħal li għal-lum ser insejħulu Wied Ġenoveffa. Ratha b’kumbinazzjoni, u għalhekk iffissat li “suppost” tixtriha, skont il-loġika kemxejn oriġinali tagħha. Imma ġieha ħsieb li taqqlilha moħħha.

Adalġiża tagħna ħadet drawwa li tmur xi mkien, ikun fejn ikun, bil-karozza, tipparkja, u tmur tiġri dawra mar-raħal jew belt li tkun. Darba minnhom it-triq kienet tieqaf ħesrem, mhux għax kienet sqaq iżda għax kien hemm ħajt għoli faċċata li “xi darba”, skont xiħa li kellmitha, kellu jaqa’ u “…jitla’ wieħed minn dawk is-supermarkitijiet”.

Fettlilha tieħu parir. Mhux mingħand perit – għax kieku kien ikollha tħallas. Qabel ma ċemplet wieħed mis-sitt numri li kien hemm imniżżla fuq it-tabella ta’ wara l-bieb, tefgħet mistoqsija fuq Facebook. “Hemm xi mezz kif tkun taf jekk f’xi dar, l-iżjed jekk tkun antika, ikunx hemm xi ħares?”

U kif jgħidu, billi hawn min ma jħallihiex ħelwa għal melħa, irċeviet erba’ suġġerimenti mhux ħażin.

Ma jistax jonqos li kien hemm min qalilha biex tqabbad lill-Ghostbusters jagħmlu r-riċerka, u billi hawn min ma jafx x’inhu sarkażmu, qabżu u qalulha li dawk mhux vera jeżistu, u biex tkun taf sew kellha bżonn tqabbad perit u nutar u avukat.

Hawn qabżu għadd ta’ nies li sostnew li l-kappillan u l-ġirien, jew saħansitra l-pulizija tal-lokal, jew fil-ħanut tal-inbid l-iżjed antik tar-raħal, tal-ħanut tal-merċa, jew forsi l-pustier ukoll, iżjed ikunu kapaċi jgħidulha minn avukat u perit u nutar, li meta jagħmel ir-riċerki suppost li jfittex dwar sidien u djun u mhux fuq l-iħirsa. Għax wisq probabbli min ikun ser ibigħ jew jikri ma jkunx irid jgħid, li ma jmurx jitlef il-flus.

Ħaġa żgħira biex l-għajdut jibdieh xi ħadd li wara li x-xerrej prospettiv iħassar il-konvenju, jiddeffes biex jixtri l-post hu. Jew forsi xi ħadd li għandu għas-sid beda l-qlajja’ biex jisfida.

Kor sħiħ ta’ referenzi għal films u kotba – What Lies Beneath, The Others, The Tell-Tale Heart, The Evictors, u oħrajn.

Tħallew ħafna referenzi – għall-parapsikologi, dawk li suppost ikellmu lill-erwieħ tal-antenati tagħna, u saħansita tal-psikjatri.

Qamu għadd ta’ mistoqsijiet dwar il-mistoqsija – allura din kienet qed tistaqsi għax rat, semgħet, jew ħasset xi ħaġa? Riedet tkun taf għax tgħarrfilha xi ħaġa xi ħadd?

Hekk jew hekk, jekk ikun hemm xi preżenza malinna fid-dar, din jgħidu li tkun tinħass, bħal meta min-naħa l-oħra, tidħol xi mkien u tħossok fil-paċi. Jgħidu li l-klieb “jaraw”, u għaldaqstant tajjeb li tieħu kelb miegħek – jekk m’għandekx wieħed, issellef – meta tmur tara dar bil-ħsieb li tixtriha.

Kienet tagħmel differenza jekk il-mewt kinetx waħda naturali jew xi traġedja jew xi qtil? Jew jekk mitetx persuna waħda jew tnejn jew iżjed? Din mid-dehra kienet qed tissuspetta li hemm xi ħaġa għaddejja minn taħt u li ħadd ma ried ikun hu li jikxef il-borom.

Kien hemm min qalilha biex tikri d-dar għal ġimgħa, biex tara tħossx xi preżenza, tajba jew ħażina, fid-dar. Oħrajn qalulha li kulma kellha tagħmel hu li ġġib qassis biex ibierek, u jekk ikun eżorċista tant aħjar. Għax hija ħaġa minn awl id-dinja li la Malta ilha abitata minn żmien il-preistorja, bilfors li hawn u hemm u fil-post l-ieħor xi darba miet xi ħadd; iżjed u iżjed meta ma kienx hemm oqbra u ċimiterji u kienu jħaffru ħofra mal-art u jitfgħu lill-mejjet fiha biex l-ispirtu tiegħu jistrieħ u l-ġisem tiegħu jirritorna lejn l-art u jiffertilizza l-uċuħ tar-raba’.

Ma jistax jonqos li kien hemm ħafna u ħafna li lil Adalġiża qalulha li trid tibża’ mill-ħajjin u mhux mill-mejtin – għax il-mejtin jagħtuk qatgħa imma l-ħajjin jagħmlulek il-ħsara.

U int – tmur toqgħod f’dar li fiha l-ħares, forsi ssib il-boqxiex?

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Information

This entry was posted on February 2, 2014 by in Uncategorized.
The Soul of the Heel: An American's Life in Puglia

Stories of an American couple's adventures in Italy

Ghandi xi Nghid

'Ghandi x' Nghid' (I have something to say) is a blog that focuses on current affairs and personal reflections - Andrew Azzopardi

Tanja Cilia

Freelance Writer

%d bloggers like this: